Clilstore Facebook WA Linkedin Email
Login

This is a Clilstore unit. You can link all words to dictionaries.

6. Evalwazzjoni

6.1. L-Isfond

Hija ta’ importanza kbira li l-għalliema jieħdu f’konsiderazzjoni kemm il-kontenut u anke l-lingwa waqt li jevalwaw il-progress tal-istudenti f’lezzjoni tal-CLIL, u l-għalliema għandhom jibbażaw l-assessjar tagħhom fuq it-tnejn. Għalkemm l-assessjar għandu jsegwi l-prinċipji ta’ prattika tajba bħal ma għandu jsir f’kull kuntest,UteMasslerf’‘GuidelinesforCLILimplementationinprimaryandpre-primaryeducation’(2011, p114)jgħid li l-assessjar tal-CLIL huwa differenti minn dak tradizzjonali.

L-assessjar tat-tagħlim tal-CLIL, għalhekk, huwa differenti mill-assessjar tas-soltu. Permezz tal-CLIL, l-istudent jitgħallem kontenut ġdid u lingwaġġ ġdid fl-istess ħin, u l-għalliema trid tassessja l-progress tat-tnejn. L-għalliema tal-CLIL jistgħu jużaw l-assessjar u l-informazzjoni biex jinkoraġġixxu lill-istudenti biex jaħdmu u jiżviluppaw il-fehim tal-istudenti fil-kontenut tas-suġġett, u biex jiffukawhom fuq l-użu tajjeb tal-lingwa.

Jekk il-kontenut u l-lingwa ma jkunux assessjati t-tnejn, il-fokus doppju tal-CLIL jintilef. Madankollu, ħafna drabi tista’ tingħata prijorità lill-fehim tal-kontenut, u l-użu tajjeb tal-lingwa.

L-assessjar ta’ numru ta’ kriterji huwa aktar utli milli l-iffokar fuq aspett wieħed tat-tagħlim, u dan jista’ jkun aktar faċli jekk tintuża rubrika (rubric). Din hija tabella b’lista ta’ kriterji f’ringieli, li jridu jiġu assessjati, u maqsuma f’kolonni għal kull grad. F’kull kaxxa, hemmdescriptors,li jikkwantifikaw dak li għandu jagħmel l-istudent biex jieħu l-grad. Kif issir ir-rubrika jiddependi minn kif trid tużaha l-għalliema biex timmotiva lill-istudenti u tgħinhom jispiċċaw ix-xogħol b’suċċess.

Jekk l-istess tabella tintuża ma’ klassi għal bosta xogħlijiet differenti, jew għal numru ta’ evalwazzjonijiet tul proġett fit-tul, allura jagħmel sens li l-progress jidher mix-xellug għal-lemin, minn xogħol batut ħafna għal xogħol tajjeb ħafna. Imbagħad ikun aktar faċli għall-istudenti biex jaraw kif itejbu xogħolhom għall-assessjar li jmiss.

Barra minn hekk, jekk it-tabella tkun iddisinjata għal biċċa xogħol speċifika, fejn l-istudenti jkunu assessjati darba biss, ma jkollhomx l-opportunità biex itejbu dak li jagħmlu. F’dan il-każ, probabbilment huwa ta’ motivazzjoni ikbar għall-istudenti biex l-ewwel jaraw dak li għandhom jagħmlu biex imorru tajjeb ħafna, aktar milli jaraw kif se jġibu marka biex jgħaddu.

L-aktar ħaġa importanti mhix kif inhi mqassma t-tabella, imma l-kontenut ta’ kull kaxxa. Kull kaxxa tipprovdi opportunità lill-għalliema biex turi eżatt lill-istudenti dak li għandhom jagħmlu biex jgħaddu, imorru tajjeb, jew biex jeċċellaw f’kull parti tal-evalwazzjoni. Wara l-istudenti jistgħu jieħdu deċiżjoni fuq liema parti ser jippruvaw itejbu.

L-għalliema tista’ tagħżel il-kriterji li trid tassessja. Pereżempju, jekk waħda mill-kriterji għal biċċa xogħol fil-matematika hija qies eżatt, l-istudenti jafu li dan huwa qies importanti ta’ profiċjenza. Jekk jingħataw marki għoljin għall-ħsieb kritiku, l-istudenti jistgħu jkunu ċerti li huma kritiċi fit-tweġiba tagħhom. Jekk ix-xogħol fi gruppi huwa wieħed mill-kriterji, l-istudenti jagħmlu ħiliethom biex jieħdu sehem.

Barra minn hekk, jekk studenta tingħata marka baxxa f’kategorija partikolari, hi tkun taf fejn għandha tiffoka biex ikollha aktar suċċess. B’dan il-mod l-assessjar jista’ jżid l-awtonomija tal-istudent billi jgħin lill-istudenti jifhmu l-għan tat-tagħlim u kif jidentifikaw u jirranġaw fejn hemm il-problemi. L-awtonomija tal-istudent tista’ wkoll titrabba billi l-istudenti jitħallew jissuġġerixxu jew jagħżlu wħud mill-kriterji; u l-assessjar tagħhom u ta’ sħabhom jistgħu jimmotivaw u jinkoraġġixxu lil dawk l-istudenti li jsibuha bi tqila biex jistudjaw.

Clilstore

Short url:   https://clilstore.eu/cs/2573